Il-Ġimgħa Mqaddsa li tiġbor fiha l-jiem minn Ħadd il-Palm sa Ħadd il-Għid hija l-fus li fuqu ddur is-sena liturġika kollha tal-ħajja nisranija. Fil-ħajja tiegħU fuq l-art, kienu l-jiem li fihom Ġesù nnifsu wasal għal dik li huwa stess sejħilha s-Siegħa tiegħu.

Għalhekk l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali ħaseb biex joffri tliet mixjiet; mixja spiritwali, mixja liturġika u mixja bibblika tul din il-Ġimgħa. Kull mixja hi magħmulha min-numru ta’ filmati li jakkumpanjaw lill-parteċipanti tul il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Dawn il-filmati jistgħu jiġu segwiti bil-kumdità, x’ħin u fejn wieħed irid.  

Ejja nidħlu dejjem iktar fil-qalba ta’ dan il-misteru kbir – il-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.


Riflessjoni Spiritwali dwar il-Ġimgħa Mqaddsa

Il-mixja spiritwali ta’ kull Nisrani hija relatata mat-tbatija li għadda minnha Ġesù, speċjalment fil-mumenti tat-tradiment, solitudni, ġudizzju, biża’ u deċiżjonijiet diffiċli.

Permezz ta’ 14-il vidjow qasir, ser naraw l-aspetti spiritwali u profondi tal-Ġimgħa Mqaddsa biex inkunu nistgħu nifhmu iktar dan il-Misteru tas-Salvazzjoni hekk kbir u importanti fil-ħajja Nisranija. Nibdew minn Ħadd il-Palm u d-daħla lejn Ġerusalemm (il-belt il-maħbuba li ma taċċettax l-imħabba), it-twaqqif tal-Ewkaristija f’Ħamis ix-Xirka u t-tifsira tal-ħasil tar-riġlejn, is-silenzju fil-Ġimgħa l-Kbira, l-istennija ma’ Marija s-Sibt filgħodu, it-tiġdid fil-velja tal-Għid bis-simboli tan-nar (id-dawl tal-ħajja), l-ilma li jippurifika lejn il-Glorja ta’ Sibt il-Għid u Ħadd il-Għid.

L-għan huwa li l-parteċipanti jaslu għall-għarfien tal-Qawmien, il-konsolazzjoni u tiġdid spiritwali u jagħrfu l-umiltà u l-għotja ta’ Ġesù fil-mixja tiegħu fuq din l-art, mill-qtugħ il-qalb fil-Ġnien tal-Ġetsemani, il-perseveranza matul il-passjoni sa ma wasal fil-glorja tal-qawmien.

Riflessjonijiet Liturġiċi tul il-Ġimgħa Mqaddsa

Din ir-riflessjoni se teħodna tul mixja liturġika fl-iktar ġimgħa importanti tas-sena liturġika, li tibda minn Ħadd il-Palm, it-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa, Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira, Sibt il-Għid u Ħadd il-Għid. Se nimxu tul din il-Ġimgħa permezz ta’ analiżi, spjega u riflessjoni liturġika.

Se nesploraw is-sinifikat liturġiku tar-riti u ċerimonji varji li nsibu fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din il-Ġimgħa u se nimxu ‘l hinn mill-artistrija u l-enfażi kulturali marbuta ma’ din il-Ġimgħa biex niskopru l-veru sens warajhom.

Fi tmiem tar-riflessjonijiet min ikun mexa din il-mixja kollha għandu jasal biex jifhem b’mod iktar aħjar u sħiħ il-liturġija ċċelebrata tul din il-Ġimgħa Mqaddsa.

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Mark – Esiġeżi u Riflessjoni

Ir-rakkont tal-Passjoni skont San Mark joħroġ biċ-ċar it-tema tad-dixxipulat li l-qarrej jiltaqa’ magħha sa mill-bidu tal-Vanġelu u tilħaq il-qofol tagħha fl-esklamazzjoni taċ-ċenturjun fil-mument tal-mewt ta’ Ġesù fuq is-Salib “Dan tassew kien l-Iben ta’ Alla!” Din l-istqarrija ta’ wieħed pagan, barra l-belt ta’ Ġerusalemm, turina ħafna fuq il-proċess tat-twemmin fil-Mulej Ġesù. Hu biss meta timxi wara Ġesù, u li tkun miegħu waqt il-passjoni u l-mewt tiegħu waqt li ‘tmut’ miegħu, li tkun tista’ mbagħad tarah tassew bħala l-Iben ta’ Alla.

Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, din l-esiġeżi se tkun offruta permezz ta’ 6 filmati lill-parteċipanti biex jekk jixtiequ jkunu jistgħu jieqfu ftit tul il-ġurnata, u jirriflettu, jitolbu u jinżlu fil-fond permezz ta’ dan it-test qaddis, aħna u niċċelebraw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.


Applikazzjoni

Dawn il-filmati jistgħu jiġu segwiti minn nhar it-Tnejn 18 ta’ Marzu.


Course Application

Hidden
Hidden
Hidden
Hidden

Applicant Details

Name(Required)
DD slash MM slash YYYY
Hidden

Other Information

Home Address(Required)
Hidden
Hidden
Hidden
Hidden
Payment Method(Required)

Please fill out other fields.

Hidden
Price:
Hidden
If the minimum number of applications is not reached the course will not be offered.
Hidden
This field is for validation purposes and should be left unchanged.