Author: fiona.catania.borg

(MT) End of Year u Tnedija tal- Prospectus 2025/2026


L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (IFP) iċċelebra sena akkademika mimlija frott u jħares ’il quddiem b’viżjoni mġedda

Nhar it-Tlieta 17 ta’ Ġunju 2025, ikkonkludejna sena akkademika oħra, wara li akkumpanjajna ftit aktar minn 2,000 applikant fi 78 kors – żieda mill-1,052 parteċipant fi 28 kors tul is-sena l-oħra.

Is-serata bdiet b’ Quddiesa ta’ ringrazzjament, iċċelebrata mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, segwita minn mument komunitajru bejn l-istudenti, il-letturi u l-istaff tal-istitut.

Sena ta’ tkabbir u tiġdid

Matul din is-sena akkademika, komplejna nibnu fuq il-pedamenti sodi stabbiliti fis-snin imgħoddija, filwaqt li komplejna nrawwmu spirtu ta’ tiġdid. Il-korsijiet kienu fuq firxa wiesgħa ta’ temi, fosthom l-Iskrittura u t-Teoloġija, l-ispiritwalità u l-kura Pastorali, il-Liturġija u l-Ministeru, il-ħarsien tat-tfal u adulti vulnerabbli u l-formazzjoni.

Bqajna mpenjati li nipprovdu micro-credentials ibbażati fuq il-ħiliet – korsijiet qosra u mmirati li jiċċertifikaw ħiliet speċifiċi. Dawn jingħataw primarjament bil-Malti, bil-possibilità li jsiru bl-Ingliż fuq talba speċifika. Il-korsijiet jingħataw f’formati differenti – il-mod tradizzjonali fejn l-istudenti u l-letturi jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ u dak ibridu li jippermetti l-parteċipazzjoni kemm permezz ta’ Zoom kif ukoll wiċċ imb’wiċċ. Mod ieħor disponibbli huwa dak li jsir kors kompletament b’mod virtwali permezz tal-Virtual Learning Environment (VLE) tal-istitut. Dan il-mod jagħti aktar flessibiltà lill-istudent bil-pass u minn fejn isegwi l-kors. Permezz ta’ dan rajna li naslu għand l-individwi fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja diversi li jinsabu fihom.

Din is-sena kienet ukoll immarkata minn investiment sinifikanti fl-infrastruttura disponibbli għall-istitut. Rrinovajna r-recording studio u ċ-ċentru prinċipali tal-IFP b’tagħmir u faċilitajiet ġodda.  Iċ-ċentru issa fih tliet klassijiet ġodda. Il-klassijiet kollha huma mgħammra bl-arja kkundizzjonata u teknoloġija awdjo-viżiva, li tippermetti lill-istudenti jingħaqdu fil-korsijiet permezz ta’ Zoom u jiżguraw esperjenza ta’ tagħlim komda għal kulħadd.

Lqajna wkoll żewġ membri ġodda fit-tim li ġabu magħhom enerġija u ideat friski. It-tim kompla jikber bħala grupp żagħżugħ u dinamiku lest biex iservi b’entużjażmu u innovazzjoni.

Ħarsa ’il Quddiem

Matul iċ-ċelebrazzjoni tal-aħħar tas-sena, nedejna l-prospectus għas-sena akkademika 2025/26, u affermajna mill-ġdid il-missjoni tagħna li nifformaw mexxejja lajċi mimlija bil-fidi kif ukoll innovativi fil-ħidma tagħhom. Il-programm għas-sena d-dieħla jilqa’ s-sejħa għat-tiġdid tal-Knisja mitluba mill-Konċilju tal-Vatikan II:

“Il-lajċi jipparteċipaw, fil-qies tagħhom, mill-uffiċċju saċerdotali, profetiku u regali ta’ Kristu.”

U kif jikteb il-Papa Franġisku f’Evangelii Gaudium:

“Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni.”

Din il-viżjoni tiggwida l-missjoni edukattiva tal-istitut hekk kif nħarsu ’il quddiem għas-sena akkademika 2025/26. Is-sena li ġejja se tinkludi kemm korsijiet ġodda kif ukoll dawk li saru fis-snin ta’ qabel, kollha imfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li jġibu magħhom l-komunitajiet ekkleżjali hekk kif qed jevolvu sabiex jiltaqgħu mal-bżonnijiet tad-dinja tal-lum, b’għeruq fil-vanġelu. Dawn il-korsijiet se jkopru temi bħall-Ministeru Kreattiv, l-approfondiment tal-fidi, il-ħiliet Pastorali, l-Etika u s-Soċjetà, u t-Teknoloġija u l-fidi.

Dan kollu jirrifletti d-dedikazzjoni tagħna biex nifformaw mexxejja sħaħ impenjati fil-Knisja u d-dinja.

Ikklikkja hawn biex tesplora l-prospectus għas-sena akkademika 2025/2026 tal-IFP. Għal aktar informazzjoni ikkuntattja lill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali fuq [email protected], 2590 6514/6 jew 7920 1358.