Archives

Riflessjonijiet online dwar il-Ġimgħa Mqaddsa

  Online

Il-Ġimgħa Mqaddsa li tiġbor fiha l-jiem minn Ħadd il-Palm sa Ħadd il-Għid hija l-fus li fuqu ddur is-sena liturġika kollha tal-ħajja nisranija. Fil-ħajja tiegħU fuq l-art, kienu l-jiem li fihom Ġesù nnifsu wasal għal dik li huwa stess sejħilha s-Siegħa tiegħu.

Għalhekk l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali ħaseb biex joffri tliet mixjiet; mixja spiritwali, mixja liturġika u mixja bibblika tul din il-Ġimgħa. Kull mixja hi magħmulha min-numru ta’ filmati li jakkumpanjaw lill-parteċipanti tul il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Dawn il-filmati jistgħu jiġu segwiti bil-kumdità, x’ħin u fejn wieħed irid.  

Ejja nidħlu dejjem iktar fil-qalba ta’ dan il-misteru kbir – il-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.


Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Mark – Esiġeżi u Riflessjoni

Ir-rakkont tal-Passjoni skont San Mark joħroġ biċ-ċar it-tema tad-dixxipulat li l-qarrej jiltaqa’ magħha sa mill-bidu tal-Vanġelu u tilħaq il-qofol tagħha fl-esklamazzjoni taċ-ċenturjun fil-mument tal-mewt ta’ Ġesù fuq is-Salib “Dan tassew kien l-Iben ta’ Alla!” Din l-istqarrija ta’ wieħed pagan, barra l-belt ta’ Ġerusalemm, turina ħafna fuq il-proċess tat-twemmin fil-Mulej Ġesù. Hu biss meta timxi wara Ġesù, u li tkun miegħu waqt il-passjoni u l-mewt tiegħu waqt li ‘tmut’ miegħu, li tkun tista’ mbagħad tarah tassew bħala l-Iben ta’ Alla.

Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, din l-esiġeżi se tkun offruta permezz ta’ 6 filmati lill-parteċipanti biex jekk jixtiequ jkunu jistgħu jieqfu ftit tul il-ġurnata, u jirriflettu, jitolbu u jinżlu fil-fond permezz ta’ dan it-test qaddis, aħna u niċċelebraw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Riflessjonijiet Liturġiċi tul il-Ġimgħa Mqaddsa

Din ir-riflessjoni se teħodna tul mixja liturġika fl-iktar ġimgħa importanti tas-sena liturġika, li tibda minn Ħadd il-Palm, it-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa, Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira, Sibt il-Għid u Ħadd il-Għid. Se nimxu tul din il-Ġimgħa permezz ta’ analiżi, spjega u riflessjoni liturġika.

Se nesploraw is-sinifikat liturġiku tar-riti u ċerimonji varji li nsibu fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din il-Ġimgħa u se nimxu ‘l hinn mill-artistrija u l-enfażi kulturali marbuta ma’ din il-Ġimgħa biex niskopru l-veru sens warajhom.

Fi tmiem tar-riflessjonijiet min ikun mexa din il-mixja kollha għandu jasal biex jifhem b’mod iktar aħjar u sħiħ il-liturġija ċċelebrata tul din il-Ġimgħa Mqaddsa.

Riflessjoni Spiritwali dwar il-Ġimgħa Mqaddsa

Il-mixja spiritwali ta’ kull Nisrani hija relatata mat-tbatija li għadda minnha Ġesù, speċjalment fil-mumenti tat-tradiment, solitudni, ġudizzju, biża’ u deċiżjonijiet diffiċli.

Permezz ta’ 14-il vidjow qasir, ser naraw l-aspetti spiritwali u profondi tal-Ġimgħa Mqaddsa biex inkunu nistgħu nifhmu iktar dan il-Misteru tas-Salvazzjoni hekk kbir u importanti fil-ħajja Nisranija. Nibdew minn Ħadd il-Palm u d-daħla lejn Ġerusalemm (il-belt il-maħbuba li ma taċċettax l-imħabba), it-twaqqif tal-Ewkaristija f’Ħamis ix-Xirka u t-tifsira tal-ħasil tar-riġlejn, is-silenzju fil-Ġimgħa l-Kbira, l-istennija ma’ Marija s-Sibt filgħodu, it-tiġdid fil-velja tal-Għid bis-simboli tan-nar (id-dawl tal-ħajja), l-ilma li jippurifika lejn il-Glorja ta’ Sibt il-Għid u Ħadd il-Għid.

L-għan huwa li l-parteċipanti jaslu għall-għarfien tal-Qawmien, il-konsolazzjoni u tiġdid spiritwali u jagħrfu l-umiltà u l-għotja ta’ Ġesù fil-mixja tiegħu fuq din l-art, mill-qtugħ il-qalb fil-Ġnien tal-Ġetsemani, il-perseveranza matul il-passjoni sa ma wasal fil-glorja tal-qawmien.

Riflessjoni Spiritwali: Ġimgħa Mqaddsa

  Online

Deskrizzjoni

F’dan il-kors, premezz ta’ vidjows qosra, ser naraw l-aspetti spiritwali u profondi tal-Ġimgħa Mqaddsa biex inkunu nistgħu nifhmu iktar dan il-Misteru tas-Salvazzjoni hekk kbir u importanti fil-ħajja Nisranija. Nibdew minn Ħadd il-Palm u d-daħla lejn Ġerusalemm (il-belt il-maħbuba li ma taċċettax l-imħabba), it-twaqqif tal-Ewkaristija f’Ħamis ix-Xirka u t-tifsira tal-ħasil tar-riġlejn, is-silenzju fil-Ġimgħa l-Kbira, l-istennija ma’ Marija s-Sibt filgħodu, it-tiġdid fil-velja tal-Għid bis-simboli tan-nar (id-dawl tal-ħajja), l-ilma li jippurifika lejn il-Glorja ta’ Sibt il-Għid u Ħadd il-Għid.

F’dan il-kors, Il-parteċipanti ser ikunu akkumpanjati matul din il-Ġimgħa Mqaddsa bir-riflessjonijiet bibliċi u b’analiżi spiritwali. Il-mixja spiritwali ta’ kull Nisrani hija relatata mat-tbatija li għadda minnha Ġesù, speċjalment fil-mumenti tat-tradiment, solitudni, ġudizzju, biża’ u deċiżjonijiet diffiċli.

L-għan huwa li l-parteċipanti jaslu għall-għarfien tal-Qawmien, il-konsolazzjoni u tiġdid spiritwali u jagħrfu l-umiltà u l-għotja ta’ Ġesù fil-mixja tiegħu fuq din l-art, mill-qtugħ il-qalb fil-Ġnien tal-Ġetsemani, il-perseveranza matul il-passjoni sa ma wasal fil-glorja tal-qawmien.

L-applikazzjoni għal dawn ir-riflessjonijiet magħluqa. Grazzi u l-Għid it-Tajjeb

Kalendarju

Dan il-kors riflessiv dwar il-Ġimgħa Mqaddsa huwa maqsum fuq 14-il vidjow qasir. L-applikant ser jirċievi username u password sabiex ikun jista’ jara dawn il-vidjows fuq l-appart elettroniku tiegħu. L-applikant jista’ jara dawn il-vidjows bil-kumdità tiegħu, x’ħin u fejn irid.

Il-username u l-password jintbagħtu lill-istudenti fi żmien gimgħa mil-applikazzjoni. 

Applikazzjoni

Studenti tas-sena akkademika 2022-23 tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali għandhom isibu dan il-kors fil-account tal-Moodle tagħhom.

Nitoblu lill-operaturi pastorali reġistrati sabiex jimlew l-applikazzjoni minn fuq https://parrocci.knisja.mt/riflessjoni/ biex hekk jiġbru il-voucher li jippermetilhom ma jħallsux għal dawn is-sessjonijiet.

Jekk inti operatur pastorali u għadek mintiex reġistrat/a bħala operatur pastorali tista’ tirreġistra billi tagħfas hawn.  

Applikanti li mhumiex studenti tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tas-sena akkademika 2022-23, jew operaturi pastorali, jistgħu japplikaw permezz ta’ din l-applikazzjoni